Raġel bla saqaf fuq rasu u akkużat b’serq jinżamm arrestat

Żagħżugħ ta’ 22 sena li m’għandux saqaf fuq rasu nżamm taħt arrest preventiv wara li m’ammettiex li f’erba’ okkażjonijiet differenti seraq fwejjaħ minn ħanut fil-Belt Valletta, li sar riċediv u kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Consuelo Sceri Herrera, iż-żagħżugħ qal li meta jilħaq imur jorqod f’Dar Papa Francesco u spjega li hu kien trabba f’ istitut wara li kien abbandunat mill-ġenituri tiegħu.
Huwa talab għal-libertà proviżorja iżda t-talba tiegħu ġiet miċħuda minħabba li m’għandux indirizz fiss.
Il-Qorti talbet lid-Direttur tal-Ħabs biex jgħinu jegħleb il-problema tad-droga billi jkompli bil-programm li kien beda mal-Caritas.