Raġel bla dar jinstab ħati li ta fastidju lill-kantant Harry Styles

Raġel bla dar li kien joqgħod barra mid-dar tal-kantant Ingliż magħruf Harry Styles għal numru ta’ xhur instab ħati li segwa u ta fastidju lill-kantant.

Styles li għandu 25 sena kien offra li jagħti xi flus għall-ikel lil Pablo Tarazaga-Orero ta’ 26 sena. Dan wara li kien rah rieqed barra ħdejn id-dar tiegħu f’Londra f’Marzu li għadda. Fil-Qorti, Styles irrakkonta kif wara dan il-ġest spiċċa jsakkar il-bieb tal-kamra tas-sodda tiegħu għax ir-raġel beda jsegwih.

Hu spjega li kien iddispjaċih meta ra raġel tant żgħir jgħix fit-triq. Hu xtralu ħobż vegan, insalata u kejkijiet wara li r-raġel kien talbu xi fażola biex ikun jista’ jiekol.

Wara li pprova jaqta’ l-kuntatt, il-kantant beda jarah kważi kuljum u spiċċa jirċievi noti xejn sbieħ fil-posta tiegħu. 

Għall-mistoqsija jekk kienx segwa lill-kantant, l-akkużat qal li ma kellu l-ebda intenzjoni għal dan. Qal li hu ried biss il-flus li kien offrielu Styles meta ltaqgħu l-ewwel darba li kien irrifjuta li jieħu minħabba raġunijiet reliġjużi.

Is-sentenza fil-konfront tiegħu se tinqata’ fil-21 ta’ Ottubru.