Raġel bi ġrieħi gravi wara li nqabad bejn żewġ karozzi pparkjati

Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi wara li nqabad bejn żewġ karozzi li kienu pparkjati.
L-inċident seħħ fi Triq tal-Barrani fiż-Żejtun, fl-akwati ta’ Bir id-Deheb.
Jidher li raġel ta’ 64 sena minn Ħal Għaxaq, tilef il-kontrol u daħal f’karozza pparkjata.
Mal-impatt, din il-karozza mxiet il-quddiem u r-raġel ta’ 64 sena mill-Kalkara nqabad bejnha u karozza oħra pparkjata quddiema.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.