Raġel attakkat f’wiċċu b’xafra f’Marsaxlokk; il-Pulizija taqbad lill-aggressur

Read in English.

Raġel qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’argument f’Marsaxlokk il-lejl li għadda.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-Pulizija ġiet infurmata fil-11.20pm li ħdejn il-Kappella tas-Silġ kien hemm raġel mal-art mimli dmija.

Meta marru fuq il-post, il-pulizija ntebħu li r-raġel kien qiegħed hemm ma’ persuna oħra, meta qam argument bejniethom u allegatament, ir-raġel l-ieħor attakkah b’xafra u kkaġunalu ferita f’wiċċu. L-allegat aggressur imbagħad seraqlu basket u wara ħarab minn fuq il-post.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lill-vittma l-isptar għall-kura meħtieġa.

Il-vittma għandu 35 sena u joqgħod San Ġwann.

Minn informazzjoni li l-Pulizija ġabret mingħand il-vittma, bdiet it-tfittxija għall-persuna involuta. Ftit ħin wara nstabet il-persuna mfittxija, Libjan ta’ 30 sena residenti Ħal Tarxien li ġie arrestat u ttieħed il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.

Għalkemm ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri ġrieħi gravi, infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.