Aġġornata: Jinżamm arrestat wara li nqabad jisraq minn CCTV

Ir-raġel ta’ 47 sena li ġie arrestat illum wara li seraq minn “diversi” lukandi u stabbilimenti fil-Gżira, Tas-Sliema, u fil-Ħamrun tressaq il-Qorti u ġie rrifjutat il-ħelsien mill-arrest.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li wara “diversi ġimgħat” ta’ ħidma, arrestaw lir-raġel li l-Pulizija tissuspetta li wettaq diversi serqiet. Intant fil-Qorti hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Hu qed jiġi akkużat li seraq apparat elettroniku u flus ta’ persuni li kienu qed joqgħodu f’lukandi, kif ukoll li pprova jisraq ħanut tal-logħob tal-azzard u li seraq żewġ kartieri. Ir-raġel inqabad minn kameras tas-CCTV li ritratti mill-filmati tagħhom inħarġu fuq il-midja soċjali.

Il-Maġistrat Gabriella Vella rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li sostniet li r-raġel mhux ta’ min jafda fuqu.