Raġel arrestat wara li pprova jisraq minn karozzi

Raġel ġie arrestat matul il-lejl li għadda wara li allegatament kien qiegħed jipprova jisraq xi oġġetti minn xi karozzi.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li għall-ħabta tas-00:45, ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fil-parkeġġ li hemm fl-akwati ta’ Fuq Fortini, il-Birgu, minħabba l-allegat serq. Meta r-raġel nduna li xi ħadd kien qed jara dak li qed jiġri, ħarab minn fuq il-post b’vettura misruqa.
Wara li r-raġel intebaħ li kien qed jiġi segwit mill-Pulizija tal-Għassa ta’ Bormla, baqa’ jsuq u żied il-veloċità. Għalhekk, intalbet l-assistenza tar-Rapid Intervention Unit.
Skont il-Pulizija, is-suspettat baqa’ jsuq b’mod perikoluż u b’veloċità qawwija sakemm il-Pulizija rnexxielha twaqqfu u tarrestah ġewwa l-Marsa.  Wara tfittxija li saret fil-vettura, nstabu xi għodda, oġġetti relatati mad-droga u  diversi oġġetti oħra fosthom arma li taqta’ u bil-ponta. 
FL-istqarrija, il-Pulizija qalet kif ir-raġel li għandu 38 sena, ittieħed ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal iktar stħarriġ iżda minħabba li beda jilmenta minn xi uġigħ, huwa ttieħed ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-kura medika.
Ritratt: Arkivji