Raġel arrestat wara li nqabad bid-droga f’lukanda f’ San Ġiljan

Raġel ta’ 31 sena mill-Belt ġie arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ ammont ta’ droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis f’lukanda f’San Ġiljan.

Stqarrija tal-Pulizija qalet li wara li waslitilhom informazzjoni, uffiċjali tal-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga għamlu tfittxija ġewwa kamra f’lukanda f’San Ġiljan fejn instabu ammont ta’ pakketti ta’ droga suspettata.

Waqt din it-tfittxija, instabu ammont ta’ pakketti ta’ droga suspettata kokaina u ħaxixa tal-cannabis, flimkien ma’ ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Minn tfittxijiet oħra li saru fir-residenza tal-persuna fil-Belt, instabu xi pakketti oħra b’sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis u oġġetti oħra relatati mal-abbuż tad-droga.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija u mistenni
jitressaq il-Qorti taħt arrest illum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras LL.D.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.