Raġel arrestat wara li attakka mara li kienet qed tixxemmex il-Belt

CMRU

Read in English.

Il-Pulizija arrestat raġel ftit jiem wara li dan allegatament aggredixxa mara fil-Belt Valletta waqt li din kienet qed tixxemmex.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li llum arrestat raġel ta’ 36 sena residenti s-Siġġiewi b’rabta mal-każ. Kien spjegat li l-investigazzjonjiet bdew nhar it-28 t’Awwissu, wara li l-Pulizija ġew infurmati li fiż-żona magħrufa bħala l-Fossa tal-Belt Valletta, mara ta’ 26 sena mill-Iżvezja kienet ġiet aggredita minn raġel li ħarab minn fuq il-post.

Wara analiżi tal-filmati tas-sigurtà u investigazzjonijet oħra, ir-raġel ġie identifikat bħala l-allegat aggressur u ġie arrestat.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti għada b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.

Il-mara tkellmet dwar il-każ tagħha mal-ġurnal Times of Malta fejn spjegat kif hi kienet qed titkellem ma’ missierha fuq il-mobile meta r-raġel avviċinaha. Qalet li dan kellu xibka f’idejh u qalilha xi ħaġa dwar is-sajd. Hi qalet lir-raġel biex iżomm id-distanza minnha minħabba l-pandemija u hemm qalgħet daqqa ta’ sieq f’wiċċha mir-raġel, liema daqqa kienet segwita minn attakk vjolenti.