Raġel arrestat wara li “qajjem kommossjoni” quddiem il-Knisja tat-Trinità fil-Marsa

Żagħżugħ ġie arrestat wara li "qajjem kommossjoni" fit-triq ta' quddiem il-Knisja tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma' Newsbook.com.mt li r-raġel ġie arrestat wara li "qajjem kommossjoni sħiħa fi Triq Balbi."
Newsbook.com.mt tkellem mal-Kappillan Patri Karm Aquilina li qal li għal kuntrarju ta' dak li qed jingħad, ir-raġel ma daħalx fil-knisja u lanqas ma tela' fuq iz-zuntier.
Qal ukoll li l-każ ma kellu xejn x'jaqsam mal-funeral u li mhux l-ewwel darba li fl-istess triq ikun hemm nies fis-sakra u jkollhom jintervjenu l-Pulizija.
Skont il-Pulizija ż-żagħżugħ, ta' nazzjonalità barranija u li għandu 29 sena kien aggressiv fi kliemu.
Fuq il-post issejħu mill-ewwel pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Skont rapporti li Newsbook.com.mt ma kkonfermax indipendentament, ir-raġel għajjat Allaħu Akbar. 
Qarrej ta' Newsbook.com.mt bagħat ukoll ritratt, li fi kliemu huwa x-xena li kellu quddiemu dalgħodu.