Raġel arrestat fir-Rabat, Għawdex minħabba d-droga

Read in English.

Il-ħidma tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ raġel Għawdxi lbieraħ filgħodu.

L-arrest seħħ għall-ħabta tal-11.30am fi Pjazza t-Tokk meta l-Pulizija ċċirkondaw lill-karozza tar-raġel wara li kien segwit jitlaq mid-dar tiegħu mill-Għarb, mar f’residenza fil-Qala u saq lura.

Fi tfittxija li saret fil-vettura, l-Pulizija sabu basket żgħir u fih kien hemm sustanza bajda suspettata droga kokaina. It-tfittxijiet mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mis-Sezzjoni tal-Klieb, issoktaw fir-residenza tar-raġel fl-Għarb, kif ukoll fil-post fejn ir-raġel daħal fil-Qala. F’dawn it-tfittxijiet instabu sustanzi suspettati kokaina u eroina. Ir-raġel qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin.

Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Simone Grech.