Raġel arrestat fil-Marokk akkużat li qatel 2 nisa

Ritzau Scanpix/Thomas Sjoerup/via REUTERS Ritzau Scanpix/via REUTERS

L-Aġenzija ta’ Kontra t-Terroriżmu fil-Marokk qalet li arrestat persuna Svizzera b’rabta mal-każ tal-qtil taż-żewġ nisa Skandinavi.

Louisa Vesterager Jespersen ta’ 24 sena mid-Danimarka u Maren Ueland ta’ 28 sena minn Norveġja instabu bla ħajja nhar is-17 ta’ Diċembru f’villaġġ qrib Imlil fil-muntanji.

Skont l-Uffiċċju għall-Investigazzjonijiet Ġudizzjarji, ir-raġel arrestat huwa wkoll suspettat li kien qed jirrekkluta Marokkini u persuni mill-Afrika ta’ taħt is-Saħara biex iwettqu attakki terroristiċi fil-Marokk kontra persuni bnarranin u forzi tas-sigurtà biex b’hekk jieħdu f’idejhom armi.

L-Uffiċċju qal ukoll li qed iżomm persuna ta’ nazzjonalità Spanjola b’residenza Marokkina taħt arrest.

19-il raġel ieħor ġew arrestati b’rabta mal-każ li jinkludu wkoll 4 suspettati li kienu ddikkjaraw il-lealtà lill-Istat Iżlamiku f’filmat li deher tliet ijiem qabel ma nstabu l-katavri tat-tfajliet.

Kelliem għall-Pulizija Boubker Sabik iddeskriva l-erbat irġiel bħala persuni li ħadmu għal rashom u saħaq li l-attakk ma kienx ikkordinat mill-Istat Iżlamiku.