Raġel arrestat fi ġnien pubbliku fil-Marsa

Raġel ta’ 22 sena mis-Somalja ġie arrestat mill-Pulizija fil-Marsa wara li kien qed iġib ruħu b’mod suspettuż. Ir-raġel li huwa residenti l-Marsa kien fi ġnien pubbliku fit-Triq Diċembru Tlettax limiti tal-Marsa.

Wara tfittxija li saret fuq il-ġuvni, il-Pulizija sabu droga tal-pjanta kannabis u trab abjad suspettat li hu kokaina. Il-Pulizija sabu total ta’ 37 qartas bil-pjanta kannabis u ammont iżgħar ta’ trab abjad allegatament kokaina.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr A. Demicoli LL.D ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Ir-raġel mistenni jitressaq l-Qorti fil-ġranet li ġejjin b’akkużi relatati ma’ traffikar u pussess aggravat tad-droga kannabis u kokaina.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.