Raġel arrestat b’60 pakkett kokaina

CMRU

Read in English.

Il-pulizija mill-Iskwadra Kontra d-Droga fl-aħħar sigħat arrestat raġel ta’ 24 sena residenti Marsaxlokk.

Fi stqarrija l-pulizija spjegat li wara diversi jiem ta’ osservazzjoni lbieraħ filgħaxija l-pulizija ċċirkondat lir-raġel waqt li kien qiegħed isuq fi Triq it-Trunċiera, Marsaxlokk.

Il-Pulizija spjegat li minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu madwar 60 pakkett żgħir bid-droga kokaina, 2 pakketti żgħar bid-droga kannabis, lesti biex jinbiegħu u ammont ta’ flus kontanti.

B’dan il-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo u ħatret inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana, u għada mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest b’akkużi relatati mat-traffikar tad-droga, fost oħrajn.

Il-pulizija qalet li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.