Raġel arrestat b’rabta ma’ bejgħ ta’ dokumenti foloz

Read in English.

Raġel ta’ 32 sena ġie arrestat b’rabta ma’ allegat ċirku ta’ bejgħ ta’ dokumenti foloz, u mistenni jitressaq il-Qorti b’arrest il-Ħamis filgħodu.

Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija qal li l-arrest kien il-konklużjoni ta’ investigazzjoni importanti tal-pulizija tal-immigrazzjoni fil-ħidma tagħhom kontra t-traffikar ta’ persuni.

Mill-investigazzjonijiet li saru, li kienu jinkludu diversi jiem ta’ osservazzjoni, il-pulizija kkonkludew li r-raġel kien qiegħed ibiegħ passaporti u permessi ta’ residenza foloz sabiex jassisti persuni jidħlu jew joħorġu minn Malta.

L-arrest tar-raġel, li hu ta’ nazzjonalità Somala, seħħ nhar it-Tlieta f’raid li sar fir-residenza tiegħu f’Wied il-Għajn. F’dan ir-raid, il-pulizija sabet diversi dokumenti foloz kif ukoll dokumenti oriġinali misruqa.

Ir-raġel mistenni jitressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, akkużat bi traffikar ta’ persuni u li ffaċilità immigrazzjoni illegali, fost akkużi oħrajn.