2 irġiel arrestati b’rabta ma’ 4 serqiet fuq delivery persons

Raġel ta 30 sena minn Bormla ġie arrestat mill-Pulizija ftit ħin biss wara li allegatament wettaq hold-up fuq impjegat ta’ stabbiliment waqt li kien qed iwassal l-ikel f’Bormla stess.

Ir-raġel qed jiġi investigat ukoll b’rabta ma’ tliet serqiet simili li seħħew fuq delivery persons: fid-9 ta’ April f’Ħaż-Żabbar, fl-10 ta’ April fl-Isla u fl-14 ta’ April f’San Ġwann.

Kien ilbieraħ għall-ħabta tad-9.30pm li raġel ta’ 29 sena minn Ħal Tarxien daħal fl-Għassa ta’ Bormla jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq waqt li kien qed iwassal l-ikel fi Triq San Pawl f’Bormla.

Skont l-ewwel investigazzjonijiet, xħin mar bl-ordni tal-ikel f’residenza privata, il-persuna li fetħitlu qalet li ma kinux ordnaw ikel. Għaldaqstant, il-vittma għamel kuntatt mal-persuna li għamlet l-ordni, li qaltlu biex jiltaqgħu f’parkeġġ fl-istess triq. Il-vittma mar fuq il-post u ftit wara avviċinah raġel, li allegatament ħareġ sikkina u talbu l-flus li kellu fuqu. Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.

Il-vittma minnufih mar l-Għassa jagħmel rapport u mid-deskrizzjoni li ta rriżulta li l-allegat aggressur joqgħod f’residenza fi Triq San Franġisk, Bormla. Il-Pulizija marru fuq il-post fejn l-allegat agressur ipprova jaħrab minn tieqa tar-residenza, iżda ġie arrestat mill-ewwel.

Minn tfittxija li saret fir-residenza, il-Pulizija elevat diversi oġġetti li nsterqu fil-hold-up ta’ dan il-lejl u anke oġġetti oħra li x’aktarx huma wkoll misruqa mill-każijiet l-oħra msemmija.

Ir-raġel ta’ 30 sena ittieħed lejn il-lock-up tal-Pulizija, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.

Intant, illum waranofsinhar il-Pulizija arrestat raġel ieħor ta’ 53 sena minn Bormla wkoll b’rabta mat-tliet hold-ups li twettqu fuq delivery persons f’Ħaż-Żabbar, fl-Isla u f’San Ġwann. Ma jidhirx li kellu xi involviment mal-hold-up tal-lejl li għadda f’Bormla.

L-Ispettur Fabien Fleri mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti qal li “l-appell tagħna lil ħwienet kollha, kemm jekk huma dawk tal-ikel, kif ukoll oħrajn li joffru servizz ta’ delivery fid-djar, huwa sabiex jaċċettaw ħlas minn qabel, meta ssir l-ordni. Dan sabiex min iwassal l-affarijiet fid-djar ma jġorrx fuqu flus kontanti u b’hekk ikun qed inaqqas il-periklu fuqu u jkun fil-mira tal-ħallellin. Din kienet ħidma konġunta bejn tliet taqsimiet tal-Korp li ħalliet il-frott mixtieq fil-ġlieda tagħna kontra l-kriminalità. Turi wkoll li l-ħidma tagħna baqgħet għaddejja waqt li fl-istess ħin qegħdin ninforzaw il-liġijiet fejn tidħol il-COVID-19.”