Aġġornata: Rapport dwar qtil fi Brussell; il-Pulizija tfittex raġel armat qrib skola

Pulizija armati u ħelikopter inbagħtu lejn dar fi Brussell li tinsab qrib skola wara li daħal rapport li kien raġel armat fiha.
Ir-rapport li informa lill-awtoritajiet sar minn Pollakk, li qal li aktar kmieni kien hemm persuna li nqatlet fl-inħawi.
Skont is-sit tal-aħbarijiet RT, id-dar tinsab ħdejn skola primarja fil-muniċipalità ta' Forest, li fiha jattendu madwar 350 student. Intqal li l-istudenti ġew ordnati jibqgħu ġewwa bħala prekawzjoni.
Ġie rrapurtat ukol li l-Pulizija qed jagħlqu l-aċċess għaż-żona ta’ ħdejn id-dar. Ir-residenti ġew ordnati biex ma joħorġux minn ġewwa darhom.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li diġà saret tiftixa f'binja, iżda ma rriżulta xejn, u t-tieni spezzjoni f'binja oħra kienet għaddejja.
Madankollu kelliema għall-Pulizija ta' Brussell qalet li jidher li l-każ mhuwiex relatat mat-terroriżmu.
Għadu mhux magħruf jekk hemmx aktar minn persuna waħda armata fid-dar.