Raġel akkużat li stupra lis-sieħba tiegħu għal 20 sena

Raġel qed jinżamm arrestat minkejja li ċaħad li stupra l-mara li qatta’ l-aħħar 20 sena jgħix magħha.

Ir-raġel ta’ 50 sena ġie akkużat ukoll ilbieraħ li ġiegħel lill-mara tibża’ mill-vjolenza, li taha fastidju, u li kkawżalha ġrieħi ħfief waqt argument vjolenti fil-lejl tat-22 ta’ Ġunju. Hu mixli wkoll li hedded lill-allegata vittma, u li ġegħilha tbati emozzjonalment billi rrikattaha b’ritratt jew filmat espliċitu sesswalment.

Huwa ġie arrestat wara li l-mara għamlet rapport għand il-pulizija. L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi.

Il-Qorti ċaħdet li teħilsu mill-arrest minkejja t-talba tiegħu. Il-Maġistrat Ian Farrugia ordna divjet fuq l-ismijiet tal-persuni konċernati.