Raġel jinżamm arrestat wara li kien akkużat li hedded lill-Ministru Cardona

Raġel ta’ 42 sena minn Birkirkara qed jinżamm arrestat wara li allegatament hedded lill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona. Fl-istess ċirkustanzi, bl-imġiba tiegħu, ikkaġuna biża’ lill-istess persuna li ser tintuża vjolenza kontrih jew kontra l-familja tiegħu.

Ir-raġel kien akkużat li f’dawn l-aħħar tliet xhur hedded lill-Ministru Cardona kemm fuq it-telefon kif ukoll bl-internet, b’tali mod li kien ta fastidju lejn persuna ta’ sess maskili kif ukoll talli insultah bi kliem ta’ mewt. Hu kien akkużat ukoll li lbieraħ hedded, jew għamel offiża fuq spettur, surġent u tliet kuntistabbli tal-pulizija.

L-imputat li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih kien akkużat ukoll li sar riċediv. Huwa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u ġie meħud fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-qorti laqgħet it-talba tal-pulizija u biex tipproteġi lill-Ministru Cardona u l-familja tiegħu se tkun qed toħroġ ordni ta’ restrizzjoni.