15-il sena ħabs għall-akkużat bil-qtil tal-ġurnalist Slovakk

Il-Qorti tas-Slovakkja tat sentenza ta’ 15-il sena priġunerija lil raġel akkużat li ffaċilita l-qtil tal-ġurnalista investigattiva Jan Kuciak fl-2018. Din is-sentenza ngħatat wara li l-akkużat, Zoltan Andrusko, ammetta l-involviment tiegħu fil-każ u se jkun qed jixhed kontra l-persuni l-oħra akkużati b’dan il-qtil. 

Andrusko, li għandu 42 sena, huwa wieħed mill-ħames persuni akkużati b’dan il-qtil. L-erba’ l-oħra jinkludu wkoll lin-negozjant Marian Kocner, li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni minn Kuciak meta kien qed jirrapporta fuq każi ta’ frodi li jinvolvu negozjanti marbuta mal-politiċi.

Fil-bidu, Andrusko qabel li jingħata sentenza ta’ 10 snin, madanakollu l-qorti rrifjutat il-qbil li ntlaħaq mal-prosekuturi. 

Il-qorti qalet li fil-każ partikolari, is-sentenza mogħtija trid turi li mhux biss issir ġustizzja mal-akkużat imma man-naħat kollha involuti li jinkludu s-soċjetà. Andrusko seta’ ntbagħat għomru l-ħabs.