Raġel akkużat bi traffikar uman jinstab mejjet fiċ-ċella fl-Istati Uniti

Reuters

Read in English.

Il-biljunarju Amerikan Jeffrey Epstein ħa ħajtu b’idejh tul il-lejl f’ċella f’Manhattan fejn kien qed jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ traffikar tas-sess, skont rapporti barranin.

Dan ġie rrappurtat mill-midja barranija llum, li qalu li l-katavru tiegħu nstab dalgħodu. Kelliema għall-ħabs qalet li ma tistax tgħid minn issa xi kkawża l-mewt tiegħu, peress li ġismu kien għadu jrid jiġi eżaminat.

Aqra: Il-familja rjali tiċħad li iben ir-Reġina kien involut f’atti sesswali ma’ tfajla taħt l-età

Epstein ġie arrestat fis-6 ta’ Lulju u wieġeb mhux ħati li kien involut fit-traffikar uman, li involva għexieren ta’ tfajliet taħt l-età, uħud minnhom ta’ 14-il sena. Dan allegatament dam għaddej tal-anqas mill-2002 sal-2005.

Ix-xahar li għadda, hu nstab mitluf minn sensih mal-art fiċ-ċella b’marki fuq għonqu. Il-każ kien qed jiġi investigat bħala każ ta’ aggressjoni fuqu jew inkella suwiċidju.

L-Amerikan kellu 66 sena. L-akkużi kontrih tħabbru iżjed minn 10 snin wara li wieġeb ħati għall-akkużi ta’ prostituzzjoni, meta kien laħaq ftehim mal-prosekuturi.