Akkużat bi stupru ta’ minorenni jiffranka sentejn ħabs

Raġel li kien ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs talli wettaq atti sesswali ma’ minorenni rebaħ l-appell tal-kawża billi l-Qorti ddeċidiet li laħaq għadda wisq żmien.

Ir-raġel ingħata s-sentenza fl-2015, aktar minn 5 snin wara l-aħħar attività sesswali li allegatament kellu mat-tifla, peress li l-vittma żammet l-istorja għaliha sakemm ma fetħet qalbha mal-għarus tagħha.

Il-vittma, li ilha tgħix mal-ġenituri tal-fostering tagħha minn mindu kellha erba’ snin, kienet żvelat kif ħabib tal-familja li kien joqgħod qrib id-dar tan-nanna tagħha tal-fostering f’Bormla, kien jisfurzaha tagħmel atti mhux diċenti f’kamra tas-sodda fid-dar ta’ nannitha. Il-vittma qalet li ġieli missilha l-parti privata tagħha, iżda qatt ma wettqu l-att sesswali.

Dan beda meta kellha madwar 12-il sena u kompla għaddej sakemm kellha 16-il sena, meta t-tfajla bdiet tevita li tibqa’ waħedha mar-raġel.

Meta sar jaf, l-għarus tagħha qal lil missierha, li għamel rapport għand il-Pulizija f’Diċembru tal-2014.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu fl-arrest tar-raġel li issa għandu 60 sena. Hu ċaħad l-akkużi u qal li t-tfajla kienet ipprovokatu. Huwa kien instab ħati u ngħata s-sentenza ta’ sentejn ħabs f’Jannar.

Huwa appella din is-sentenza, bl-argument li dan kien ġara fl-2009, jiġifieri kienu laħqu għaddew 5 snin.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li minkejja li l-evidenza turi li dan veru kien ġara, kien minnu li kienu għaddew 5 snin minn mindu twettaq ir-reat.

Innutat ukoll li ċ-ċertifikat tat-twelid tal-vittma ma kienx ġie ppreżentat, u għalhekk, ma kienx hemm konferma tal-età tagħha. L-Imħallef żiedet li x-xhieda tat-tfajla kienet vaga u mingħajr dettalji.

Għalhekk, il-Qorti aċċettat l-appell tal-akkużat, u rtirat s-sentenza.