Radju Malta 2 se jibqa’ jxandar il-Parlament

Meta jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament fit-2 ta’ Ottubru, il-membri parlamentari mistennija li jiddiskutu ħinijiet ġodda li fihom jiltaqa’ l-Parlament. Dan minħabba li l-Parlament kien jispiċċa tard ħafna u kien meqjus li ma jgħinx lill-membri parlamentari jkollhom wisq ħajja tal-familja. Is-seduti parlamentari mistennija li jibdew aktar kmieni.
Newsbook.com.mt staqsa lill-Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy jekk il-PBS talabx jew għandux il-ħsieb li jitlob, li l-frekwenza li fuqha jixxandar il-Parlament, Radju Malta 2, tgħaddi kollha kemm hi għand il-PBS u ma jibqax jixxandar il-Parlament minn fuqha.
Huwa qal li la għamel din it-talba u lanqas bi ħsiebu jagħmilha, u sostna li ma għandux għalfejn jipprova jneħħi x-xandiriet parlamentari minn fuq Radju Malta 2.
Min-naħa tiegħu, ma’ Newsbook.com.mt, l-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia qal li huwa jkollu oġġezzjoni kbira għal kull attentat li jista’ jsir, biex is-seduti parlamentari ma jibqgħux jixxandru fuq il-frekwenza tar-radju 105.9 FM.
L-Ispeaker qal li minbarra l-oġġezzjonijiet tiegħu, bħala Speaker, din iġġib magħha wkoll bidliet estensivi ta’ proċedura parlamentari.
Il-liġi tipprovdi li l-liċenzja għal xandir tas-seduti permezz tar-radju tingħata lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Dan ifisser li, biex il-Parlament ma jibqax jixxandar fuq il-frekwenza tar-radju, l-Ispeaker ikun irid iċedi legalment il-liċenzja tax-xandir.