Radikali Hindu jattakkaw Kulleġġ Kattoliku fl-Indja

Mijiet ta’ uffiċjali tal-pulizija ntbagħtu fil-Kulleġġ Santa Marija, li jinsab fid-djoċesi ta’ Madyha Paradesh fiċ-Ċentru tal-Indja, wara li gruppi Hindu tal-lemin estrem beda jhedded li jmur iwettaq ritwali tal-Hindu f’dan il-Kulleġġ Kattoliku.
“Fuq il-post bħalissa rritornat il-kalma għax baqgħu biss il-pulizija għassa. Nixtiequ nirringrazzjaw lill-Ministru tal-Intern u lill-pulizija. Grazzi kbira għat-talb tagħkom. Il-Patrijiet u s-sorijiet u l-ħaddiema tal-Kulleġġ għadhom ixxukkjati. Komplu itolbu għalihom”, qal l-Isqof Theodore Mascarenhas, is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Episkopali tal-Indja.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, aktar minn 900 membru tal-grupp tal-istudenti tal-lemin estrem bdew jinġabru qrib il-Kulleġġ u heddew li permezz tal-użu tal-forza jwettqu rit tal-Hindu magħruf bħala “Aarati of Bharat Mata”, li fih jaduraw lill-alla mara ‘Durga’, lebsin sari ta’ kulur oranġjo, ġewwa l-Kulleġġ Kattoliku, flimkien ma riti oħra tal-Hindu.
Il-Pulizija kienet infurmata b’din it-theddida u assigurat lill-awtoritajiet tal-Knisja Kattolika li kienet se tagħti protezzjoni sħiħa lill-Kulleġġ.
Madankollu, it-tmexxija tal-Kulleġġ baqgħet imħassba dwar l-estremsti, għax beżgħet li kienu se jiltaqgħu xorta waħda biex iwettqu t-theddida tagħhom, anke għaliex lejlet l-aħħar tas-sena diġà kien hemm xi ġlied fil-post minkejja l-preżenza ta’ madwar 30 uffiċjal tal-pulizija.
Min-naħa tiegħu, l-Isqof Mascarenhas qal li s-sitwazzjoni għadha perikoluża u ħeġġeġ għal aktar talb.
Hu rringrazzja lill-Ministru tal-Intern tar-reġjun għall-intervent dirett tiegħu biex tkun imħarsa s-sigurtà tal-Istituzzjoni, is-saċerdoti, is-sorijiet u l-ħaddiema kif ukoll l-istudenti.
Kompla jgħid li hu kien f’kuntatt ukoll mal-Ministru FederalI tal-Intern.
Skont rapport fl-istampa, quddiem il-Kulleġġ inġabret folla kbira ta’ estremisti Hindu iżda ntbagħat battaljun kbir ta’ pulizija li qed jikkontrollaw is-sitwazzjoni.