Radar jikxef il-ġmiel ta’ belt antika Rumana taħt l-art

Read in English.

Sezzjoni żgħira mill-informazzjoni li tat it-teknoloġija ta’ Ground Penetrating Radar (GPR) dwar parti minn żona fil-belt antika Rumana ta’ Falerii Novi fl-Italja tagħti ħjiel tal-bini li darba kien jifforma parti minn din il-belt.

Biex jagħtu ħjiel tal-ġejjieni fil-qasam ta’ l-arkeoloġija, riċerkaturi għadhom kemm użaw radar speċjali li jaqra t-topografija taħt l-art sabiex ħolqu mappa sħiħa ta’ belt antika Rumana, fejn irnexxielhom jiksbu ħafna dettall tal-binjiet li għadhom midfunin taħt l-art fosthom tempju u monument pubbliku uniku.

Din it-teknoloġija ntużat ġewwa Falerii Novi, belt imdawwra bis-swar u mifruxa fuq 30.5 ettaru u li tinsab madwar 50 km ‘l fuq minn Ruma, ħabbru r-riċerkaturi t-Tnejn li għaddew.

Falerii Novi twaqqfet fis-sena 241 QK fi żmien ir-Repubblika Rumana u baqgħet abitata sas-sena 700 WK, fis-snin bikrin tal-Medjuevu. 

Din kienet l-ewwel darba li belt antika sħiħa inħadmitilha mappa kompluta bl-użu ta’ din it-teknoloġija ground-penetrating radar (GPR), li tippermetti lill-arkeoloġisti li jesploraw siti storiċi u arkeoloġiċi mingħajr il-bżonn li jħaffru, proċess li jiswa’ ħafna flus u li jieħu ħafna ħin.

It-teknoloġija kapaċi “tara” x’hemm taħt l-art bl-użu ta’ radar antenna li tibgħat sinjali pulsanti ġo l-art u tirrekordja kull ma jidwi minn fuq oġġetti li jista’ jkun hemm. L-apparat GPR jgħaddi minn fuq l-art fuq vettura magħmula apposta għal kull tip ta’ art.

“Dan il-proġett huwa x-xogħol ta’ persuna fuq medda ta’ tlieta u erba’ xhur,” qal Martin Millett, professur ta’ l-arkeoloġija klassika fl-Università ta’ Cambridge li għen fil-pubblikazzjoni ta’ l-istudju ppubblikat fil-ġurnal Antiquity. “Din it-teknoloġija biddlet il-mod kif nistudjaw u nifhmu l-bini u t-tfassil tal-bliet Rumani – dan huwa l-ġejjieni ta’ l-arkeoloġija.”

Falerii Novi, li lanqas hija kbira daqs nofs Pompeii, diġa kien sarilha xi tħaffir iżda l-parti l-kbira tagħha għadha midfuna taħt l-art. Hija probabbiltà li l-belt kellha popolazzjoni ta’ madwar 3,000 ruħ u kienet tinkludi kumpless ta’ banjijiet puibbliċi mill-iżjed kumplessi kif ukoll suq u 60 dar kbira flimkien ma’ tempju rettangulari bil-kolonni qrib il-bieb tal-belt li jħares lejn in-nofsinhar.

Qrib il-bieb fit-tramuntana tal-belt kien hemm monument pubbliku li bħalu m’hemm l-ebda ieħor magħruf, b’portiku bil-kolonni fuq tlett naħat u pjazza kbira miftuħa b’daqs ta’ 130 b’300 pied (40 metru b’90 metru).

Falerii Novi kellha sistema ta’ pajpijiet ta’ l-ilma għaddejjin minn taħt l-art, mhux biss mit-toroq iżda wkoll minn taħt il-bini, li juri kemm il-belt kienet ġiet imfassla b’mod kordinat.