“Rabtuni, sawtuni u għamluli abort”

Marokkina li f’April li għaddha sarilha abort kontra r-rieda tagħha fis-Swieqi spjegat fil-Qorti kif l-għarus tagħha flimkien ma’ tliet irġiel oħra rabtuha mas-sodda u sawtuha.
L-għarus tagħha li qed jiġi allegat li wettaq l-abort kien ħarab minn Malta. Huwa kien tkellem ma’ gazzetta Libjana fejn ammetta li kien taha daqqa fl-istonku waqt argument iżda ċaħad li taha daqqa ta’ sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, f’kawża kontra wieħed mill-irġiel li assista fl-abort il-mara rrakkontat kif l-għarus tagħha kien kuntent meta sar jaf li kienet tqila. Hija qalet li hu qalilha biex imorru fil-kamra tas-sodda biex ikollhom x’jaqsmu flimkien.
Hija rrakkontat kif malli daħlet u neżgħet marru fuqha tliet irġiel li kienu libsin ingwanti u maskli u rabtuha mas-sodda. Qalet li waqt li pprovaw jistorduha permezz ta’ biċċa mxarrba b’dak li qalet kien alkoħol, l-irġiel xegħlu mużika għolja u wieħed mill-irġiel beda jqaleb fil-baskett tagħha. Żiedet tgħid li s-sieħeb tagħha qallu biex jieħu li jrid.
Waqt li ffilmjaw dak li beda jiġri ġiegħluha tieħu xi pilloli u bdew jitfgħulha xi pilloli fil-parti privata tagħha. Żiedet tgħid li filwaqt li raġel minnhom daħħal idu biex iqatta l-fetu, is-sieħeb tagħha beda jaqbeż fuq żaqqha.
Hija qalet li kien hawn li ntilfet minn sensiha u stenbħet fl-Isptar Mater Dei.
Fix-xhieda tagħha qalet li għarfet lill-akużat minn tpinġija li għandu.
Meta mistoqsija xi nsterqilha mill-basket, hi wieġbet li naqsulha l-mowbajl, portmoni, u ċurkett tad-deheb. Qalet li ħmistax wara rat l-istess ċurkett fuq l-akkużat f’ritratt li tella’ fuq Facebook.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkonkluda li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużat jinżamm arrestat.