“Rabtuhom bil-cable ties u għaddewhom minn Triq ir-Repubblika” – NGOs dwar l-immigranti

Miguela Xuereb

Read in English.

Tliet NGOs ikkundannaw il-mod kif il-pulizija eskortaw lill-grupp ta’ immigranti li kienu ġew arrestati wara protesta li saret fil-barracks ta’ Ħal Safi t-Tnejn li għadda.

Il-Fondazzjoni Aditus, il-Fondazzjoni Integra u l-Jesuit Refugee Services Malta, spjegaw li l-Korp tal-Pulizija għadda lil dawn l-immigranti minn Triq ir-Repubblika, qalb l-għexieren ta’ persuni li kienu għaddejjin mit-triq, marbutin bil-cable ties. L-għaqdiet spjegaw li l-irġiel kienu għadhom lebsin l-istess ħwejjeġ li kellhom fuqhom il-ġurnata meta ġew arrestati, u oħrajn lanqas biss kienu lebsin żarbun. L-għaqdiet spjegaw ukoll kif uħud mill-Pulizija kienu libsin ingwanti sanitarji.

L-NGOs qalu li dan it-tip ta’ trattament tal-immigranti huwa inuman u jwassal sabiex dawn jiġu preġudikati mill-pubbliku qabel ma l-Qrati jaqtgħu s-sentenzi tagħhom. Sostnew li standards Ewropej u Internazzjonali jinkludu l-obbligazzjoni li l-Istat għandu sabiex jassigura li s-suspettati ma jiġux preżentati fil-Qorti jew fil-pubbliku, b’mod u manjiera li jista’ jwassal sabiex il-pubbliku jassumi li dawn huma ħatja. Qalu li dan it-tip ta’ trattament iwassal għal razziżmu istituzzjonalizzat hekk kif sostnew li dan il-mod ta’ kif il-Pulizija jressqu persuni fil-Qorti huwa riżervat biss għal dawk li m’humiex Maltin.

L-għaqdiet sostnew li għadhom ma jafux għaliex dawn il-persuni kellhom jiġu esposti b’dan il-post. Spjegaw li s-soltu, meta persuna titressaq il-Qorti, tiddaħħal mill-entratura ta’ wara, li tinsab fi Strada Stretta. Dan sabiex wieħed jirrispetta l-privatezza u d-dinjità tal-persuna. Intant spjegaw li fost dawn l-irġiel kien hemm ukoll minuri, li terġa u tgħid kellhom jingħataw livell aktar ogħli ta’ protezzjoni, inkluż restrizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet u ritratti tagħhom.

L-NGOs sostnew li l-irġiel ġew akkużati bi kriminalitajiet relatati ma’ protesti li seħħew fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi. Qalu li fil-passat kienu sostnew li l-mod kif qed jinżammu l-immigranti f’Ħal Safi u fiċ-Ċentru tal-Marsa, huwa illegali. Sostnew li dan kienet saħansitra kkonfermatu l-Qorti f’Novembru tal-2019. Semmew kif anke l-UNHCR Malta kienet qalet li l-mod kif kienu qed jinżammu l-immigranti li qed ifittxu l-ażil f’Ħal Safi kienn illegali u mhux fil-parametri tal-liġi.

L-għaqdiet komplew billi talbu lill-Pulizija joffri spjega għaliex il-grupp ta’ 22 immigrant ġew trattati dan il-mod huma u jitressqu l-Qorti. Huma talbu lill-Pulizija jindikaw is-salvagwardji li offrew lit-tfal li huma fost l-aktar vulnerabbli fil-grupp.

“Imħassba dwar in-nirien tal-bieraħ fil-Marsa” – UNHCR

Il-UNHCR qalet li tinsab imħassba dwar in-nirien fiċ-Ċentru ta’ Akkoljenza fil-Marsa. Spjegat li bħalissa hemm total ta’ 450 persuna li qed jinżammu f’dan il-post jistennew li jingħataw l-ażil, fosthom 180 tifel u tifla.

Filwaqt li kkundannat kull forma ta’ vjolenza u vandaliżmu, sostniet li l-mod kif qed jinżammu dawn il-persuni u t-tul ta’ żmien li qed idumu f’dawn il-kundizzjonijiet, iwassal għal effett negattiv fuq is-saħħa fiżika u anke mentali tagħhom. Qalet li l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom dawn l-immigranti fil-Marsa, wara li jkunu esperjenzaw trattament inuman f’pajjiżhom u huma u jippruvaw jaħarbu minn pajjiżhom, qed jagħmilhom aktar frustrati.

Il-UNHCR appellat sabiex il-Gvern ikun jista’ jieħu azzjoni urġenti sabiex jara li l-kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom dawn il-persuni jaqilbu għall-aħjar. Qalet li lesta li tgħin lill-Gvern u l-awtoritajiet Maltin malli tiġi mitluba tagħmel dan.