Rabtiet bejn Mossack Fonseca, Gasol u Konrad Mizzi

The Malta Independent qed tisħaq li l-kumpanija tal-Panama f’nofs l-iskandlu tal-Panama Papers, Mossack Fonseca ħadet ħsieb mhux biss l-istruttura finanzjarja tal-Ministru Konrad Mizzi iżda anke dik ta’ Gasol, li kienet parti mill-konsorzju responsabbli mill-power station il-ġdida f’Delimara.
F’Marzu, il-gazzetta The Malta Independent qalet li l-kumpanija tal-Panama ta’ Konrad Mizzi ġiet trasferita fit-trust li għandu fi New Zealand fl-istess jum li Gasol biegħet 30% tax-shares li kellha fl-Electrogas tal-konsorzjum tal-power station f’Delimara għal ammont mhux magħruf. Dan ġara fit-22 ta’ Lulju 2015 għal għexieren ta’ miljuni ta’ ewro.
Illum, din il-gazzetta qed issostni li l-parent company u l-majority owner ta’ Mossack Fonseca, African Gas Development Corporation Limited, hi rreġistrata u kkontrollata mill-uffiċċji ta’ Mossack Fonseca fis-Seychelles.
Mossack Fonseca fetħet anke fergħa f’Malta f’Mejju tal-2013 taħt BT International, li s-sid tagħha hu Nexia BT. Kienet Nexia BT infisha li mbagħad tat parir lill-Ministru Konrad Mizzi biex jieħu l-kontroll f’idejh tal-kumpanija tal-Panama minn ATC Administrators, li wkoll kienet ikkontrollata minn Mossack Fonseca.