Rabja għal Senaturi Amerikani li ma waqqfux aborti anke fi stadju avanzat tat-tqala

Il-Kardinal Timothy Dolan ta’ New York kkundanna l-fatt li s-Senat Amerikan ma approvax Liġi li Tipproteġi Trabi fil-Ġuf li Kapaċi Jħossu l-Uġiegħ” li kienet maħsuba li tipprojbixxi aborti wara 20 ġimgħa tat-tqala u appella lis-senaturi biex jerġgħu jaħsbuha.
Il-Kardinal li hu wkoll Chairman tal-Kumitat Favur il-Ħajja tal-Isqfijiet Amerikani qal li dan kien “vot tal-mistħija”. “In-nuqqas tas-Senat li japprova din il-liġi tas-sens komun juri kemm is-senaturi huma radikalment bogħod mill-maġġoranza taċ-ċittadini Amerikani”, qal il-Kardinal.
Fis-Senat Amerikan biex liġi tkun approvata jrid ikun hemm 60 vot favur.  F’dan il-każ tliet deputati Demokratiċi vvutaw mal-48 deputat Republikan biex il-vot ġie 51-46 u l-liġi ma għaddietx.
Il-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana f’Ottubru li għadda kienet approvat il-liġi li tipprojbixxi l-abort fl-istadju avanzat tat-tqala imma din kellha bżonn ukoll l-approvazzjoni tas-Senat.
Il-Liġi kienet timponi piena sa ħames snin ħabs fuq tobba li jassistu f’aborti wara 20 ġimgħa tqala ħlief f’każi ta’ stupru, inċest jew fejn ħajjet l-omm tkun fil-periklu. L-abbozz hu bażat fuq riżultati xjentifiċi li juru li t-tarbija fil-ġuf kapaċi tħoss l-uġiegħ wara 20 ġimgħa fl-iżvilupp tagħha. Hemm 17 il- stat Amerikan li jipprojbixxu l-abort f’dan l-istadju tat-tqala. Stħarriġ tal-Opinjoni Pubblika wera li l-maġġoranza huma favur liġi bħal din.
Il-Kardinal Dolan esprima t-tħassib kbir tiegħu għax l-esperjenza turi li meta jsir abort fit-tieni nofs tat-tqala, b’mod ġenerali t-tarbija titqatta u jkun hemm anke periklu għal saħħet il-mara.  Hu qal li l-Istati Uniti hi waħda minn seba’ pajjiżi biss fid-dinja li jippermettu l-aborti anke fi stadju daqstant avanzat tat-tqala. Fostom hemm il-Kanada, iċ-Ċina, l-Olanda, il-Korea ta’ Fuq, Singapore u l-Vjetnam.
Il-Moviment Favur il-Ħajja qal li l-Amerikani għandhom ikunu rrabjati li Senaturi Demokratiċi li huma favur l-abort, irrifjutaw li jipproteġu trabi li kapaċi jħossu l-uġiegħ. Il-Moviment qal li se jibqa’ jinsisti ma’ dawn is-Senaturi biex il-liġi tkun approvata.