Rabja fost il-qraba tar-raġel li miet wara li kkontrollawh bi stun gun u titqiba

Arkivji

Il-qraba tal-vittma ta’ 48 sena li miet il-Ġimgħa wara erba’ sigħat ta’ kommossjoni f’Ħaż-Żabbar esprimew rabja għal mod kif żviluppat is-sitwazzjoni bin-neputi tiegħu jappella biex joħorġu r-riżultati tossikoloġiċi mill-awtopsja li ġiet ordnata li ssir. Huwa qal ukoll li ma sabux għajnuna mill-Pulizija tul it-tlett ijiem ta’ qabel meta l-membri tal-familja kienu daħħlu mal-20 rapport.

Anki Sandra Ghiller esprimiet ir-rabja tagħha għas-sitwazzjoni li l-familja tagħha tinsab fiha wara l-inċident tal-Ġimgħa. Hija qalet li ma kienx kriminal imma kellu problemi ta’ saħħa mentali.

Fi stqarrija, il-Pulizija ġġustifikat l-użu ta’ stun gun minħabba li qalet li r-raġel kien aggressiv.

Fuq Facebook, Dylan Ghiller stqarr li t-tabib uża labra biex jikkalma lill-vittma mingħajr ma informa lill-familja u lanqas ma ċċekkja jekk ir-raġel hux allerġiku għal xi tip ta’ mediċina.

Huwa stqarr ukoll li għal diversi drabi kellhom bżonn l-għajnuna tal-Pulizija iżda fi kliem Dylan huwa jgħid li ma sabu ebda għajnuna mingħandhom. Qal ukoll li f’temp ta’ 3 ijiem daħħlu 20 rapport fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar stess minħabba s-sitwazzjoni mentali tal-vittma.

Għall-istqarrija tal-Pulizija li fiha l-Pulizija stqarret li r-raġel kien armat, Dylan qal li l-vittmakellu biss lasta ta’ xkupa filwaqt li kontrih kien hemm 20 uffiċjal tal-Pulizija li kienu kollha armati sa snienhom.