Rabat jegħlbu u jaqbżu lil Floriana Young Stars

Iż-żewġ timijiet ħarġu bl-intenzjoni li jiddominaw, iżda Rabat irnexxielhom jieħdu r-rebħa li poġġiethom fit-tielet post fil-klassifika.
Kienu Rabat li fetħu l-iskor fl-20 minuta permezz ta’ Jason Vella minn azzjoni ta’ short corner.
Ħames minuti wara, minn short corner ieħor, Rabat idruppjaw b’xutt b’saħħtu ta’ Shawn Falzon.
Ir-reazzjoni u l-pressjoni ta’ Young Stars ħalliet il-frott, meta sekondi minn tmiem l-ewwel taqsima Samuel Borg daħal tajjeb u skurja minn anglu magħluq.
Fit-tieni taqsima żdied ir-ritmu tal-logħoba biż-żewġ timijiet jattakkaw id-difiżi ta’ xulxin.
Fid-49 minuta, Young Stars ġabu d-dro bit-tieni gowl ta’ Borg.
Fl-aħħar ħinijiet tal-logħba, Young Stars marru fuq l-attakk iżda ħallew id-difiża tagħhom esposta għall-attakki Rabtin.
Il-gowler ta’ Young Stars, James Mizzi, laqa’ tajjeb fi tliet okkażjonijiet iżda fl-aħħar minuta tal-logħba ma seta’ jagħmel xejn meta Mario Galea għadda tajjeb u b’xutt mill-isbaħ fis-saqaf tax-xibka ta r-rebħa lit-tim tiegħu.
Għalhekk issa Rabat għandhom erba’ punti wara Qormi u Sliema Hotsticks li għandhom seba’ punti, Floriana Young Stars għandhom żewġ punti u White Hart fl-aħħar post bla punti.