Ipprova jwettaq abort id-dar fuq seħbitu

Il-Pulizija għaddejja bit-tfittxijiet tagħha għal Libjan ta’ 33 sena li allegatament ipprova jwettaq abort id-dar fuq is-sieħba tiegħu, Marokkina ta’ 33 sena wkoll, iżda ħarab minn fuq il-post wara li bidel fehmtu.
Il-ġurnal Times of Malta rrappurtat li kienet il-bint ta’ 15-il sena li ċemplet lill-Pulizija xħin sabet lil ommha fil-banju b’saqajha u jdejha marbutin bit-tejp.
L-inċident seħħ nhar il-Ħadd fl-appartament tal-koppja fis-Swieqi.
Il-gazzetta qalet li l-omm kellha max-xahrejn tqala, filwaqt li hi l-omm ta’ tlitt ibniet oħra, waħda ta’ 15, oħra ta’ disa’ snin u oħra ta’ sitt snin.
Il-mara ilha f’relazzjoni mar-raġel għal dawn l-aħħar disa’ xhur, iżda kollox beda sejjer ħażin meta rrealizzaw li l-mara kienet tqila.
Il-Pulizija qalu li l-allegat aggressur sforza lill-mara fil-kamra tal-banju, u l-investigaturi qed jaħsbu li ma kellu ebda taħriġ fuq kif isir abort. Qed jispekulaw li seta’ tħajjar minn filmati fuq Youtube li juruk kif tista’ tagħmlu.
Fil-fatt, fuq il-post sabu sikkina li tbillet fil-ġin u ssaħnet bin-nar, u li kienet allegatament se tintuża fuq il-mara.
Madankollu ma nstabu ebda ġrieħi fuq il-mara riżultat tal-użu tas-sikkina fuqha.
Hija ttieħdet Mater Dei għall-kura fuq ġrieħi ħfief, u għaddejjin eżaminazzjonijiet mediċi fuqha.
Il-Libjan hu magħruf mal-Pulizija.
Ritratt: Arkivji – Ian Noel Pace