Qum bilwieqfa għax qed teqred moħħok

Studju ġdid juri li meta toqgħod bilqiegħda għal ħin twil, tibda tagħmel il-ħsara f’moħħok. L-istudju jesplora r-rabta bejn il-ħajja sedentarja u l-moħħ u staqsa lil grupp ta’ nies ta’ bejn il-45 u l-75 sena, ilkoll b’saħħithom, dwar kemm joqogħdu bilqiegħda kuljum, qabel ittieħed scan ta’ moħħhom.

It-test, li ma analizzax il-memorja direttament, sab li dawk li jqattgħu ħafna ħin bilqiegħda (bejn tliet siegħat u ħmistax il-siegħa), għandhom partijiet ta’ moħħhom (medial temporal lobes) li huma irqaq min-normal. Dawn il-partijiet tal-moħħ għandhom rabta mal-memorja u mat-tagħlim.

Dawn il-partijiet tal-moħħ li jinsabu fuq kull naħa tar-ras, jiċkienu bl-età. Ix-xjentisti mill-Università ta’ Kalifornja, f’Los Angeles iwissu li dan il-proċess iwassal biex persuna anzjana tibda tinsa u jkollha diffikultà titgħallem affarijiet ġodda.

Persuni li joqogħdu bilqiegħda għal ħmistax il-siegħa, f’darba jew maqsuma tul il-ġurnata, ikollhom bħala medja din il-parti ta’ moħħhom li tkun 10% iżgħar minn persuna li toqgħod ħames siegħat bilqiegħda jew inqas. Agħar minn hekk, it-testijiet sabu li wara ħmistax il-siegħa, kull siegħa iktar ta’ ħin bilqiegħda hu assoċjat ma’ 2% tnaqqis fid-daqs ta’ din il-parti tal-moħħ.

Ix-xjentista tal-moħħ, Dr Tara Swart minn King’s College f’Londra, tgħid li dan l-istudju jkompli jżid iktar informazzjoni mal-evidenza li torbot l-attività mas-saħħa mentali, bil-ħajja sedentarja meqjusa bħala fattur negattiv ewlieni.

Tispjega kif dan hu studju interessanti li jikkontribwixxi biex inkomplu nifhmu kemm il-ħajja sedentarja hi ħażina għas-saħħa b’ħafna modi differenti, fost l-oħrajn billi l-memorja tmur lura iktar malajr.

Kemm il-darba il-ħajja sedentarja ġiet asoċċjata ma’ mard kroniku, fosthom il-mard tal-qalb, id-dijabete u problemi fit-tagħlim, filwaqt li iktar ma tagħmel siegħat bilqiegħda, iktar iżżid ir-riskju tal-Alzheimer’s.

Iċċaqlaq ħalli jgħaddi iktar ossiġnu lejn il-moħħ

L-istudju ppublikat fir-rivista PLOS One huwa l-ewwel wieħed li jagħti prova li iktar ma tqatta’ ħin bilqiegħda, partijiet tal-moħħ jirqaqu aktar. L-ispjegazzjoni għal din ir-rabta hi fil-fatt li meta persuna tiċċaqlaq u tagħmel xi tip ta’ moviment, tkun qed tieħu iktar nifsijiet fil-fond u twassal iktar ossiġnu fil-ġisem, li imbagħad iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ċelloli b’saħħithom fil-moħħ. Dawn iċ-ċelloli ġodda fil-moħħ huma kruċjali għall-proċess tat-tagħlim u l-memorja.

Dan l-istess prinċipju jgħodd għas-saħħa tal-qalb. Il-vini mimlija ossiġnu meħtieġa biex iżommu l-moħħ b’saħħtu huma importanti wkoll għas-saħħa tal-qalb. Dan jispjega l-fatt li persuni li jagħmlu eżerċizzju b’mod regolari għandhom inqas riskju ta’ attakk tal-qalb. Ix-xjentisti iwissu li jista’ ma jkunx biżżejjed li tagħmel ħafna eżerċizzju fiżiku biex tipprova tpatti għal ħinijiet twal bilqiegħda.

Dr Tim Shakespeare mill-Alzheimer’s Association jgħid li dan l-istudju juri rabta diretta bejn l-importanza li persuna ma tqattax ħafna ħin bilqiegħda u r-rwol kbir ta’ din il-parti tal-moħħ. Għadd ta’ attivitajiet jitqiesu li jnaqqsu r-riskju tad-dimensja lil hinn mill-parir biex persuna tieqaf tpejjep, tevita l-konsum ta’ ħafna alkoħol u li tiekol dieta bilanċjata.

Dr Shakespeare jispjega li hu essenzjali li persuna ma toqgħodx bilqiegħda għal ħin twil, imma li tieħu sehem f’attivitajiet li jgħollu xi ftit ir-rata tat-tħabbit tal-qalb, fosthom il-mixi, ir-rota, l-għawm u ż-żfin. “Ma hemmx għalfejn tiġri f’xi maratona,” iwissi t-tabib.

Xjentisti fil-prevenzjoni tal-Alzhemier’s jgħidu li hu importanti li persuna żżid ftit moviment f’kull siegħa tal-ġurnata – anke għal ftit minuti – għax dan jagħmel differenza pożittiva għas-saħħa mentali. Saħansitra jissuġġerixxu li persuna tagħmel alarm fuq il-mowbajl biex tqum u tiċċaqlaq ftit, idealment billi tagħmel ftit movimenti li jżidu t-tħabbit tal-qalb, fost l-oħrajn billi tinżel kokka u terġa’ tqum bilwieqfa. Jissuġġerixxu wkoll li persuna tidhra li tqum bilwieqfa biex twieġeb telefonata, jew timxi waqt li titkellem. Jekk il-ħbieb jissuġġerulek li tiltaqgħu għall-kafe’, idealment tgħidilhom biex tiltaqgħu għal passiġġata u waqt li titkellmu tkunu qed tagħmlu l-ġid għal saħħitkom.