Segwi l-filmat: Quddiesa ta’ ringrazzjament għas-servizz li ta l-Papa Benedittu XVI

Fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, il-bieraħ filgħaxija l-Arċisqof Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna iċċelebraw Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għas-servizz li l-Papa Benedittu XVI ta lil Kristu, lill-Knisja, u lill-familja kollha umana tul il-pontifikat tiegħu.

F’din il-Quddiesa sar ukoll talb biex il-Mulej jagħti lill-Knisja suċċessur ta’ Pietru, Vigarju ta’ Kristu u ragħaj tal-Knisja. Fi tmiem il-Quddiesa saret adorazzjoni ewkaristika.

Qabel jibdew il-konklavi, fil-knejjes kollha tad-djoċesi, ser tiġi ċċelebrata Quddiesa għall-għażla tal-Papa li tkompli b’nofs siegħa adorazzjoni. Il-bidu tal-konklavi jitħabbar mill-knejjes kollha billi fil-jum tal-ftuħ tindaqq mota ta’ kwarta fit-tmienja ta’ filgħodu.

Malli titħabbar tal-għażla tal-Papa u jitħabbar ismu, il-Knisja lokali tingħaqad mal-Bażilka ta’ San Pietru fil-Belt tal-Vatikan u tagħti din l-aħbar ta’ ferħ bid-daqq ta’ mota ta’ kwarta.