Quddiesa mill-Arċisqof u vġili 6 xhur wara li qatlu lil Daphne

Fis-16 ta’ April l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna se jkun qed iqaddes quddiesa  li se tiġi segwita minn vġili fl-għeluq ta’ sitt xhur wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili qalet li l-quddiesa se ssir fis-6pm fil-Knisja ta’ San Franġisk fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta. Il-vġili se ssir quddiem il-qorti fis-7pm.     
Waqt il-vġili mistennija jitkellmu Pauline Ades-Mevel mill-għaqda Reporters Without Borders, il-blogger Manuel Delia, l-attivista Pia Zammit, u Alex Perici Calascione li kien wieħed mill-kandidati fl-elezzjoni għall-kariga tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
L-attività qed tiġi organizzata min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili, Occupy Justice, il-Kenniesa, u Awturi.
Għal aktar dettalji tista’ tagħfas hawn.