Quddiesa Kattolika ċċelebrata f’Katidral Żvediż għall-ewwel darba f’500 sena

Il-Knisja Luterana fl-Iżvezja offriet temporanjament il-Katidral tagħha biex jintuża għat-talb lil waħda mill-parroċċi Kattoliċi. Fil-Katidral medjevali fil-belt ta’ Lund se tkun iċċelebrata quddiesa Kattolika għall-ewwel darba wara r-Riforma.
Il-Knsija Luterana offriet il-Katidral lill-parroċċa Kattolika ta’ San Tumas għax il-knisja ta’ din il-parroċċa se tingħalaq temporanjament biex isir xogħol kbir ta’ rinnovar li mistenni jdum għaddej għal sitt xhur sħaħ u l-ewwel quddiesa fih terġa’ ssir fil-21 ta’ Ottubru.
Il-Papa Franġisku kien żar Lund f’Ottubru 2016 fejn saret ċelebrazzjoni ekumenika mal-Luterani fil-500 anniversarju mir-Riforma fejn hu u mexxejja Luterani talbu flimkien u wegħdu kooperazzjoni spiritwali u prattika “fil-vjaġġ komuni tagħhom lejn ir-rikonċiljazzjoni”. 
Wara dik il-laqgħa ż-żewġ Knejjes għamlu diversi sessjonijiet ta’ talb flimkien.
Ir-Reverendu Lena Sjostrand, kappillan tal-Katidral qalet li ż-żjara tal-Papa f’Lund u Malmo “messet lil ħafna persuni”. Permezz tal-laqgħat li qed nagħmlu flimkien in-nies qed jagħrfu li dik iż-żjara ma kinitx sempliċi żjara imma mezz konkret biex issaħħew ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ komunitajiet Insara."
Dawn is-servizzi flimkien u issa l-użu tal-Katidral għall-quddies mill-Kattoliċi jirriflettu l-ispirtu tad-dokument tal-2013 “Mill-Konflitt għall-Għaqda” li jiffoka fuq ir-riżultat ta’ 50 sena ta’ djalogu minn wara l-Konċilju Vatikan II.