Quddiesa b’appoġġ lill-familja tat-tifla li ilha nieqsa 45 jum

vigil kidnapped girl

Read in English.

In-Network tal-Assoċjazzjonijiet tat-Tfal f’Malta (MaltaCAN) qed jorganizza attività sabiex titfakkar it-tifla ta’ seba’ snin li tħarrbet minn Malta. It-tifla li hi mill-Birgu ilha nieqsa minn Malta għal 45 jum.

It-tifla toqgħod ma’ familja li tiffosterjaha, iżda kienet qiegħda waqt żjara ma’ ommha meta din ma rritornatx. Il-familja li tiffosterjaha ilha tieħu ħsiebha minn meta kellha sitt xhur. Il-familja qed tappella biex kull min għandu xi informazzjoni javviċinaha jew ikellem lill-pulizija.

It-tifla għadha ma nstabitx u mhux magħruf fejn tinsab. Familtha qed tibża’ li jaf qiegħda fil-periklu.

Għaldaqstant, MaltaCAN, magħmula minn 16-il organizzazzjoni volontarja, ħasbet biex torganizza l-attività tal-lejla. Permezz ta’ din l-attività, l-assoċjazzjoni tixtieq turi appoġġ lill-awtoritajiet biex jibqgħu jfittxu lit-tifla, tipprovdi appoġġ lill-familja sabiex ma taqtax qalbha li t-tifla għad tinstab, u tibgħat messaġġ li jekk jinħataf xi tifel jew tifla, kulħadd se jagħmel l-almu tiegħu biex dawn jinstabu.

L-attività tibda b’quddiesa fis-6.30pm fil-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu. Wara l-quddiesa, jitpoġġew xemgħat barra l-knisja biex titqajjem kuxjenza u bħala appell biex tinstab din it-tifla.