Quddies fuq il-Fruntiera biex tfakkarna li aħna msejħa biex ngħixu flimkien

L-Isqof Mark Seits ta’ El Paso jidher jilqa’ emigrant minn El Salvador. Dan l-Isqof ftit ilu talab flimkien ma’ grupp ta’ emigrant fuq il-Laredo Bridge waqt li kienu qed ifittxu ażil fl-Istati Uniti. (Credit: CNS.)

Hekk kif il-fenomenu tal-emigrazzjoni għadu kontroversja politika kbira fl-Istati Uniti, mexxejja tal-Knisja Kattolika qed ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jieqfu ma l-emigranti li qed jiffaċċjaw oppożizzjoni. B’turija ta’ appoġġ lill-emigranti tliet Isqfijiet, illum se jiċċelebraw quddiesa fuq il-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti.

L-Isqof Malti, Peter Baldacchino ta’ New Mexico, l-Isqof Mark Seitz ta’ El Paso, fl-Istati Uniti u l-Isqof Guadalupe Torres ta’ Ciudad Juarez fil-Messiku se jiċċelebraw flimkien din il-Quddiesa aktar tard illum.

Il-Quddiesa fuq il-Fruntiera hi l-aħħar f’sensiela ta’ attivitajiet maħsuba biex jitfgħu dawl fuq il-problema tal-emigranti fuq il-fruntiera tal-Istati Uniti mal-Messiku fejn aktar kmieni din is-sena, l-Isqof Sietz personalment akkumpanja numru ta’ Messikani li kienu qed ifittxu ażil fl-Amerika wara li diġa’ kienu mċaħħda milli jidħlu fil-pajjiż.

L-għaqda tal-Kattoliċi

Fi stqarrija qabel din il-Quddiesa t-tliet Isqfijiet qal li ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika hi maħsuba biex tenfasizza l-għaqda tal-Kattoliċi fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

“F’dan iż-żmien ta’ polariżazzjoni kbir dwar il-kwestjoni tal-emigranti, diskriminazzjoni, suldati mibgħuta fuq il-fruntiera u spirtu ta’ esklużjoni li qed jikber fil-pajjiż, il-Quddiesa fuq il-Fruntiera tfakkarna li aħna msejjħa biex ngħixu f’għaqda flimkien”, tgħid l-istqarrija. “Ma hawnx AĦNA u HUMA, imma familja waħda ta’ Alla”.

‘B’daqstant sfidi u b’eluf minn ħutna jsofru l-konsegwenzi ta’ attakki razzisti u sistema ta’ emigrazzjoni mfarrka, hu fundamentali li l-Knisja fuq il-fruntiera titkellem f’isem ħutna emigrant u refuġjati, bil-vuċi profetika tal-Evanġelju”, żżid tgħid l-istqarrija.

Ix-xahar li għadda, d-djoċesi ta’ El Paso ingħaqdet mal-Koalizzjoni tal-Mexxejja Kattoliċi Latini, kontra t-trattament inuman tal-emigranti u r-refuġjati fuq il-fruntiera u kontra l-isparatura li kien hemm f’El Paso f’Awwissu li għadda fejn raġel spara speċifikament fuq nies mill-Amerika Latina.  Dakinhar saret mixja fuq il-Laredo International Bridge fejn saret żjara lil dawk il-Messikani li kienu qed ifittxu ażil.

Monument ta’ Mibegħda

F’Ittra Pastorali li ħareġ ix-xahar li għadda, l-Isqof Sietz li hu wieħed mill-aktar Isqfijiet Amerikani li jiddefendu lill-emigranti, lmenta li x-xonfobija qed tgħarraq l-Istati Uniti u ddeskriva l-ħajt li l-President Trump jrid jibni fuq il-fruntiera mal-Messiku bħala “Monument ta’ Mibegħda.”

Dan kien l-ewwel dokument tax-xorta tiegħu minn uffiċjal tal-Knisja li ndirizza l-problema tar-razziżmu mill-perspettiva tal-fruntiera u sejjaħ biex jieqfu d-deportazzjonijiet sakemm il-pajjiż jaġġorna l-politika tiegħu dwar l-emigrazzjoni.

“Il-Quddiesa tfisser l-għaqda tagħna fid-diversità, appoġġ reċiproku u l-laqgħa u l-akkumpanjament kontinwu tagħna bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta’ ħutna emigrant li qed iħabbtulna fuq il-bieb”, tgħid l-istqarrija djoċesana.

 “Il-fruntieri, fl-ispirtu Ewkaristiku mhux qegħdin hemm biex jisseparaw u jifirdu imma biex jidentifikaw u nikkumplimentaw lil xulxin. Il-fruntieri huma fejn niltaqgħu flimkien u noħolqu komunitajiet sbieħ f’għaqda u d-diversità[MS1] . Il-fruntiera huma postijiet fejn naqsmu l-vjaġġ flimkien”.


 [MS1]