Ritratti: 22 immigrant jinżammu arrestati talli “qalgħu l-inkwiet”

Aġġornat 02:51 PM
Miguela Xuereb

22 immigrant qed jinżammu arrestati wara li tressqu l-qorti llum talli “qalgħu l-inkwiet” f’Safi Barracks f’Ħal Kirkop.

Mill-24 persuna arrestata, 22 raġel tressqu l-qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq, b’idejhom marbutin flimkien tnejn tnejn. L-irġiel huma mill-Alġerija, miċ-Chad, mill-Ghana, mis-Sudan, mill-Guinea u mil-Libja.

Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u l-Għassa taż-Żurrieq intalbu jmorru biex jikkontrollaw lil xi persuni f’Safi Barracks f’Ħal Kirkop. Skont stqarrija maħruġa mill-Pulizija, il-każ seħħ nhar it-Tnejn għall-ħabta tas-7.30pm.

Skont l-istess stqarrija, il-pulizija marru fuq il-post fejn kien hemm xi persuni fil-barracks b’wiċċhom mgħammad li kienu qed ikissru u jinjoraw l-ordnijiet tal-uffiċjali tad-detenzjoni. L-istess persuni, skont l-istqarrija, bdew jaqilgħu l-knaten minn mal-bini u jwaddbu biċċiet minnhom lejn l-uffiċjali. Kien irrappurtat ukoll li għamlu diversi ħsarat fid-dormitorji u fil-kmamar tal-uffiċjali tad-detenzjoni.

Membri tal-Pulizija daħlu fil-post u reġġgħu s-sitwazzjoni għan-normal. Fuq il-post mar ukoll fuq il-post lest biex jagħti l-għajnuna medika neċessarja.

B’kollox kienu identifikati 24 persuna li kienu qed jieħdu sehem f’din ir-rewwixta. Il-Pulizija arrestat lil dawn il-persuni u ħadithom fil-Kwartieri Ġenerali għal aktar stħarriġ.

Huma ġew akkużati li kellhom imġiba insulenti u ta’ theddida, li rreżistew l-arrest b’mod vjolenti u weġġgħu ħafif lil ħames uffiċjali tad-detenzjoni. Ġew akkużati wkoll li ħadu sehem f’rewwixta u li ma waqfux meta ġew ordnati biex jieqfu, li kkonfoffaw biex iwettqu reat kriminali, li wettqu ħsara volontarjament, li tellfu l-paċi pubblika, li m’obdewx ordnijiet li ngħataw, li heddew lil uffiċjali pubbliċi u li tefgħu l-ġebel lejn propjetà privata.

L-irġiel kienu megħjuna minn żewġ interpreti, għall-Għarbi u għall-Franċiż. Tnejn mill-irġiel qalu li ma jitkellmux biż-żewġ lingwi, imma qalu li jafu biżżejjed Għarbi biex jgħidu humiex ħatja jew le.

L-Avukatessa Yanika Bugeja li dehret għall-irġiel wieġbet li mhumiex ħatja f’isimhom. Huma ma talbux għall-ħelsien mill-arrest.