Quddiem il-kriżi Stati Uniti-Iran irridu nittamaw

Il-Kardinal Peter Turkson

Il-qtil ta’ Ġeneral ewlieni Iranjan ġieb eskalazzjoni fit-tensjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran u f’dan l-isfond, il-Kardinal Peter Turkson, Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni ta’ Żvilupp Integrali Uman qal li minkejja l-bidu ikrah ta’ sena ġdida, il-paċi għandha l-għeruq fil-virtù tat-tama.

It-tensjoni bejn Washington u Teheran kibret sew wara l-qtil tal-Ġeneral Qasem Soleimani li nqatel nhar il-Ġimgħa li għadda f’attakk mill-ajru mill-qawwiet Amerikani fl-Iraq. Dan il-Ġeneral kien imexxi forza li kienet twettaq  ħidma militari ‘l hinn mill-fruntieri tal-Iran.

Bidu ta’ qsim il-qalb

Il-Kardinal Turkson qal li “hu ta’ dwejjaq u qsim il-qalb li ftit wara l-bidu tas-sena li bdiet b’ħafna entusjażmu, b’ħafna tama għall-paċi utrankwillità, kellna nisimgħu u nilqgħu aħbar ta’vjolenza u gwerra f’partijiet oħra tad-dinja”.

Mons. Turkson qal lill-Vatican News li għall-insara “nafu li s-Salvatur tagħna – il-mexxej tagħna – twieled f’sitwazzjonijiet simili”.

Żied jgħid li “waqt li aħna nitkellmu dwar il-paċi, għad hemm qawwiet fid-dinja li jkellmuni bil-vjolenza u jkun biss meta nibqgħi mżommu sod f’idejn Alla – il-Prinċep tal-Paċi – li nkunu kapaċi negħlbu dawn l-ostakli kollha.”

Il-paċi trid il-paċenzja

Mistoqsi dwar il-messaġġ tal-Papa għal Jum il-Paċi, il-Kardinal Turkson fakkar li l-Papa stieden lin-nies biex iqisu l-paċibħala vjaġġ. “Il-paċi trid ħafna paċezja u dejjem trid tgħaddi minn ħafna tribulazzjonijiet”. Iżda żien jgħid li “dan it-taħbit għandu l-għeruq fil-virtù kbira tat-tama li nsibuha fil-fatt li r-realtà tal-paċi tiġi minn Ġesù, il-Prinċep tal-paċi”.

L-attakk Amerikan li sar matul il-lejl li fih inqatlu wkoll uffiċjali għolja tal-armata Iraqina fosthom il-kmandant Abu Mahdi al-Muhandis li kien konsulent tal-Ġeneral Suleimani, twettaq fuq ordni tal-President Amerikan innifsu, Donald Trump.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo qal li l-attakk sar biex ifixkel “attakk iminenti” li kien se jpoġġi l-ħajja tal-Amerikani fil-Lvant Nofsani, fil-periklu. L-attakk sar wara ħafna ostilitajiet bejn l-Amerikani u l-Iranjani. Il-ġimgħa li għaddiet, il-milizja Iranjana attakkat l-Ambaxxata Amerikana fl-Iraq.  Washington akkuża wkoll lil Teheran b’attakki li twettqu fuq bastimenti li kienu qed ibaħħru fil-Golf Persjan.

L-Ambaxxata Amerikana f’Baghdad tat parir liċ-ċittadini Amerikani biex jitilqu mill-Iraq immedjatament. Alleati Ewropej tal-Amerika, fosthom l-Ingilterra, Franza u l-Ġermanja urew it-tħassib tagħhom dwar l-eskalazzjoni tat-tensjoni tant li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ingliż appella lill-partijiet kollha biex jitrażżnu għax “aktar ġlied m’hu fl-interess ta’ ħadd”

B’reazzjoni għall-attakki Amerikani, il-mexxej suprem Iranjan, l-Ayotallah Ali Khamenei qal li “il-kriminali għandhom jistennew vendetta qawwija”.