Read in English.
Wara li nqata’ d-dawl f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, is-sitwazzjoni reġgħet ġiet lura għan-normal kompletament ftit wara s-7pm.
Kelliem għall-Enemalta ma kienx f’pożizzjoni li jispjega lil Newsbook.com.mt dwar x’ġara f’dan l-aħħar qtugħ ta’ dawl fil-pajjiż.
L-ewwel rapporti ta’ qtugħ ta’ dawl daħlu għas-5.45pm.

Newsbook.com.mt huwa nfurmat li kien hemm qtugħ ta’ dawl f’diversi lokalitajiet inkluż:
- Wied il-Għajn
- Tas-Sliema
- Birkirkara
- Mġarr
- Swatar
- Marsalforn
- San Pawl il-Baħar
- Rabat (Għawdex)
Fis-6.08pm l-Enemalta ħarġet stqarrija fuq Facebook li fiha qalet li kien hemm “qtugħ estensiv fil-provvista tal-elettriku”. Tekniċi tagħha qed jaħdmu biex isolvu l-problema.
Din il-ġimgħa l-Enemalta qalet li fil-ġranet li ġejjin jista’ jkun hemm aktar qtugħ ta’ dawl. Hi u twieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, l-Enemalta ppruvat tagħti x’tifhem li l-ħsarat li saru u li possibilment isiru huwa tort ta’ ħsara fil-cable bejn Malta u Sqallija.
Fit-23 ta’ Diċembru Malta kienet esperjenzat qtugħ fil-provvista tad-dawl. Dakinhar, l-Enemalta spjegat li “mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-kawża għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku hija ħsara li kien hemm fil-baħar fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija”.
Filgħaxija l-Enemalta mbagħad ħabbret li d-dawl ġie lura kullimkien għas-7.04 pm.