Aġġornata: Qtugħ ta’ dawl fl-Ajruport

Newsbook jinsab infurmat li ftit tal-ħin ilu kien hemm qtugħ ta’ dawl fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. Meta kkuntatjati minn Newsbook, l-MIA kkonfermat li minkejja li nqata d-dawl, dan ma affetwax l-operat tal-ajruport, dan hekk kif li malli nqata’ d-dawl, l-ajruport beda jaħdem permezz ta’ generators.

Jidher li l-qtugħ ta’ dawl seħħ fl-ajruport kollu u kien ikkawżat minn ħsarat mill-Enemalta. Kelliema għall-korporazzjoni kkonferma li l-ħsara ġiet minn dak li magħruf bħala ''SkyParks feeder".

Il-kumpless SkyParks ukoll ġie affetwat b'dan il-qtugħ ta' dawl. Minkejja li l-Ajruport ma ġiex affetwat grazzi għal generators, il-kumpless SkyParks għadu s'issa nofsu bla dawl. Skont informazzjoni li għandu Newsbook, is-soltu dan il-kumpless jeqleb fuq żewġ generators f'każ li jinqata' d-dawl. Madanakollu, din id-darba l-kumpless qiegħed jaħdem fuq generator wieħed minħabba li l-ieħor għandu xi ħsara.  

Id-dawl mistenni jiġi lura għan-normal bejn siegħa u sagħtejn oħra.