Id-dawl lura f’xi lokalitajiet; “ħsara fl-interconnector”

Aġġornat 03:20 PM

Read in English.

Wara li dalgħodu nqata’ d-dawl madwar Malta u Għawdex kollu, il-provvista bdiet ġejja lura għan-normal f’ċertu lokalitajiet. L-Enemalta spjegat li “mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-kawża għall-qtugħ fil-provvista tal-elettriku hija ħsara li kien hemm fil-baħar fil-cable tal-interconnector bejn Malta u Sqallija”.

Kompliet tispjega li l-provvista tal-elettriku ġiet lura għan-normal fl-isptar Mater Dei u f’partijiet mill-Belt Valletta, Ħal Safi, Birżebbuġa, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, Żurrieq, Xgħajra, Ħal Għaxaq, Żejtun u Mqabba. Żiedet tgħid li t-tekniċi tagħha għaddejjin b’ħidma kontinwa biex kemm jista’ jkun malajr il-provvista tal-elettriku tiġi lura għan-normal fil-lokalitajiet kollha milquta.

Newsbook.com.mt staqsa lill-kelliem għall-Enemalta għaliex ma spjegatx dwar il-provvista tal-elettriku mill-power stations fil-pajjiż u jekk kienx hemm bżonn l-interconnector għax il-powerstations ma kinux qed jaħdmu sew. Il-kelliem wieġeb biss li aktar tard mal-jum, l-Enemalta se tkun qed tikkomunika mal-mezzi tax-xandir.

Skont is-sit ta’ Enemalta llum kien skedat li jkun hemm qtugħ tad-dawl għal xi ħin minn dalgħodu sa kmieni wara nofsinhar f’xi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Il-lokalitajiet li kellhom jiġu affetwati kienu Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Safi, is-Swieqi, in-Naxxar u l-Għarb.

F’post fuq Facebook Enemalta ħabbret li esperjenzat qtugħ estensiv fil-provvista tal-elettriku.

Enemalta plc tixtieq tinforma lill-pubbliku li fl-ahhar hinijiet esperjenzat qtugh estensiv fil-provvista tal-elettriku….

Posted by Enemalta plc on Sunday, December 22, 2019

Vodafone Malta avżat li minħabba l-qtugħ tad-dawl is-servizzi li toffri jista’ jkun li jkunu limitati fis-sigħat li ġejjin. Vodafone avżaw li għalkemm s’issa għandhom is-sistema għadha qed taħdem, jaf is-servizz jinqata’ jekk idum biex id-dawl jerġa’ lura.

UPDATE 15:05 – All our services have now been fully restored. We regret the inconvenience caused and thank you for your…

Posted by Vodafone Malta on Sunday, December 22, 2019

Din hija t-tieni darba f’inqas minn xahar li nqata’ d-dawl madwar il-pajjiż.