Qtil u stupru: Ippubblikati l-listi ta’ ġurati fil-Gazzetta tal-Gvern

Read in English.

Wara li dalgħodu ġie pospost każ ta’ ġuri ta’ qtil f’Birkirkara wara li l-lista ta’ ġurati ma ġietx ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, issa ġew ippubblikati żewġ listi għal żewġ ġuri differenti li mistennija jibdew fil-jiem li ġejjin.

Minkejja li l-listi ġew ippubblikati bid-dati tal-lum huma għandhom id-data tal-bieraħ.

Propju dalgħodu ħarġet l-aħbar li l-ġuri tar-raġel akkużat li qatel lil Roderick Grech f’Birkirkara fl-2017 u li kien mistenni jibda llum ġie pospost dalgħodu wara żball amministrattiv.

Aqra: Qtil Roderick Grech: Il-ġuri pospost fuq teknikalità

Il-ġuri ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala “Il-Vojt” kellu jiġi pospost għal ġurnata oħra wara li l-lista ta’ persuni li għandhom ikunu parti mill-ġurija ma ġietx ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. Suppost, madwar 150 persuna kellhom jgħaddu minn screening inizjarju li mbagħad minnhom kellhom jiġu magħżula l-aħħar grupp ta’ ġurija llum.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li tinfetaħ investigazzjoni sabiex tinstab ir-raġuni wara n-nuqqas, filwaqt li jidher li l-ġuri issa mistenni jibda nhar l-Erbgħa li ġej.

Il-listi ppubblikati jappartjenu għal żewġ każi ta’ ġuri li se jkunu għaddejjin fil-Qorti fiż-żmien li ġej, l-ewwel każ dak tal-qtil ta’ Roderick Grech u t-tieni każ li huwa wieħed ta’ stupru f’Paceville. Minkejja dan, Newsbook.com.mt ma rnexxielux jikkonferma liema lista tappartjeni għal liema każ.

Mil-listi ppubblikati li fihom mat-300 persuna mill-pubbliku inġenerali issa jridu jiġu magħżula 12 għal kull każ.

Il-lista sħiħa tal-ġurati.