Qtil Santa Venera:  Missierha jolfoq fl-awla; qraba jsabbruh

Facebook

Read in English.

Missier Shannon Mak, il-mara ta’ 30 sena li nstabet mixħuta mal-art bla ħajja f’Santa Venera, beda jolfoq fl-awla tal-Qorti, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Olandiż ta’ 23 sena, akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu fit-3 ta’ Awwissu tal-2018.

AQRA: Ħanxrilha għonqha wara li kellhom argument

Waqt li kien qed jixhed it-tabib tal-Emerġenza, Dr Jonathan Joslin, li rrakkonta dak li ra meta wasal fuq il-post tad-delitt, missier il-vittma beda jolfoq, b’membri oħra tal-familja jinġabru miegħu jippruvaw isabbruh.

Dr Joslin iddeskriva x-xena tal-biża’ li ra meta wasal fi Triq il-Mastrudaxxi u ra lit-tfajla mixħuta mal-art, parti minn daharha mal-ħajt, bejn karozza pparkjata u ħajt ta’ ġnien. Spjega li l-marki mdemmija tal-idejn mal-ħajt jixhdu li Shannon Mak, ixxabbtet ma’ ħajt wara li laqqtet daqqiet ta’ sikkina.  Fisser li dawn kienu l-aħħar mumenti tagħha.  Kompla jgħid li malli kkonfermaw li l-mara kienet klinikament mejta, għaddew il-każ lill-esperti forensiċi.

AQRA: Smajtha twerżaq qabel ma nqatlet – xhud

“Bla emozzjoni” – il-Pulizija dwar l-akkużat fil-ħin tal-arrest

Fl-istess seduta, xehdu wkoll żewġ uffiċjali tal-Pulizija li ddeskrivew kif ġabu l-aċċess għall-flat fi Triq l-Istampaturi, metri ‘l bogħod minn fejn instabet il-vittma. Qalu li ċ-ċavetta ngħatatilhom mill-mara li tieħu ħsieb il-blokka.

Fissru li meta daħlu fir-residenza, garaxx mibdul f’appartament żgħir, sabu lis-suspettat mixħut fuq is-sufan, nofsu rieqed. Qalu li meta ġew biex jarrestawh, iż-żagħżugħ kien bla emozzjoni, ma offriex reżistenza, ma staqsa l-ebda mistoqsijiet u baqa’ kalm.

Il-Qorti kienet ippreseduta mil-Maġistrat Simone Grech. Il-każ ikompli f’Ġunju.

AQRA: Jitkellem sid il-bar fejn kienet taħdem it-tfajla mħanxra

AQRA: Tingħata l-aħħar tislima l-Olandiża maqtula f’Malta