Qtil Santa Luċija: Is-suspettat iwieġeb mhux ħati

qtil Santa Luċija Victor McKeon
CMRU

Read in English.

Is-suspettat bil-qtil ta’ Victor McKeon li seħħ f’Santa Luċija wieġeb mhux ħati u qed jinżamm arrestat.

Ir-raġel ta’ 38 sena mil-Libja, li ġie estradit mill-Marokk jumejn ilu, tressaq il-qorti llum wara li ġie arrestat f’Casablanca xi jiem wara li nstab il-katavru tal-vittma ġo appartament f’Santa Luċija fis-17 ta’ Marzu.

Il-vittma kien Victor McKeon, raġel ta’ 62 sena.

Bl-għajnuna ta’ interpretu Għarbi, l-akkużat wieġeb li mhux ħati li wettaq dan il-qtil.

Victor McKeon kien instab maqtul f’appartament f’Misraħ Dorell f’Santa Lucija fis-17 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Il-katavru tiegħu nstab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni, imgeżwer f’boroż suwed u mdawwar bit-tape mitluq għal tulu fl-art fil-kamra tal-banju.

Il-pulizija kienu ġew infurmati dakinhar wara suspett li McKeon seta’ ġralu xi ħaġa peress li kien ilu ma jidher madwar ġimgħa. Mill-awtopsja li saret, irriżulta li fuq il-katavru kien hemm daqqiet fir-ras, waqt li kien hemm ukoll sinjali li l-vittma ġiet fgata.

Ladarba l-pulizija bdew jissuspettaw fil-Libjan, huma ħarġu mandat t’arrest internazzjonali għalih.

Fil-qorti llum, l-akkużat qal li m’għandux indirizz fiss f’Malta. Hu ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Neville Camilleri ordna li l-akkużat jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni kienet magħmula mis-Supretendent Keith Arnaud u mill-Ispettur Wayne Camilleri, assistiti mill-Avukati George Camilleri u Karl Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukata Leontine Calleja qed tipprovdi lill-akkużat b’għajnuna legali.