Qtil Roderick Grech: Il-ġuri pospost indefinittavament

Read in English.

Il-ġuri tar-raġel akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech ġie pospost b’mod indefinit. Dan wara li l-avukati għall-familja tal-vittma, Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri argumentaw li l-ġurati jistgħu jkunu preġudikati fil-każ wara r-rappurtaġġ fil-midja, u l-iżball tekniku li wassal biex il-ġuri jiġi pospost għal-lum.

Aqra: Qtil Roderick Grech: Il-ġuri pospost fuq teknikalità 

Dalgħodu kien mistenni jibda l-ġuri ta’ Etienne Bartolo magħruf bħala l-Vojt, li qed jiġi akkużat bi qtil. Il-każ seħħ fid-29 ta’ Marzu 2017 fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Aqra: “Tani daqqa; bżajt u tajtu daqqa b’sikkina”

Il-ġuri kellu jibda t-Tnejn iżda l-lista tal-ġurati ma ġietx ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. L-għada ġiet ippubblikata l-lista.

Aqra: Qtil u stupru: Ippubblikati l-listi ta’ ġurati fil-gazzetta tal-gvern

Dalgħodu l-avukati li qed jidhru għall-familja tal-vittma għamlu rikors kostituzzjonali biex jitwaqqaf il-ġuri. L-Imħallef Robert Mangion ċaħad ir-rikors f’digriet mogħti iktar tard illum.

L-avukat Amadeus Cachia informa lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li huma se jkunu qed jappellaw id-deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili. Dan ifisser li l-ġuri mhux se jsir sakemm jiġi deċiż l-appell.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet li m’hemmx x’tista’ tagħmel għajr li tipposponi l-ġuri b’mod indefinit.

L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għal Bartolo. Huma kkritikaw l-imġiba tal-avukati tal-parte civile, u sostnew li l-parte civile wasslet biex ħassret il-ġuri, lejl qabel intgħażlu l-ġurati minkejja li l-ġuri kien appuntat diversi xhur ilu.

L-avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri qed jidhru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.