Qtil Roderick Grech: Beda jgħajjat għall-għajnuna wara li qala’ daqqa ta’ sikkina

Read in English.

Il-ġuri tar-raġel akkużat bil-qtil ta’ Roderick Grech kompla dalgħodu bix-xhieda tal-uffiċjali tal-pulizija.

Etienne Bartolo ta’ 36 sena qed jidher quddiem ġuri akkużat li fid-29 ta’ Marzu tal-2017 qatel lil Roderick Grech, meta ż-żewġ irġiel iltaqgħu f’Birkirkara biex jaqtgħu xi dejn fuq droga.

Il-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Ix-xhieda tal-uffiċjali tal-pulizija

Uffiċjal tal-pulizija minnhom sab lil Jean Pierre Pace meta wasal fuq il-post, li kien ir-raġel li sab lill-vittma. Tkellem ukoll ma’ pulizija li kienet toqgħod fil-viċinanzi, li qalet li għall-ħabta tas-1am semgħet ħoss qawwi u ħorn ta’ karozza. Kienet ħarset barra l-gallarija u lemħet karozza miftuħa u żagħżugħ miexi, iżomm żaqqu, jgħajjat għall-għajnuna u għal ċertu “Gejtu.”

L-uffiċjal sab ukoll għadira demm ħdejn blokka appartamenti, u segwa t-traċċi tad-demm li wasslu sat-tielet appartament. Meta ħabbat fuq il-bieb, li kellu xi demm fuqu, fetaħ Gaetano Bonnici li kien sorpriż bl-uffiċjali tal-pulizija. Mistoqsi kienx jaf lil Roderick Grech, Bonnici qal li iva, imma ma sema’ lil ħadd iħabbatlu l-bieb peress li kien rieqed. L-uffiċjal qal li ma saritx tfittxija għax ma deherx li kien hemm bżonn.

Hu u jixhed, dak li sab lil Roderick Grech mejjet qal li kien sema’ lill-vittma jgħid il-kelma “vojt,” imma dan ma fisser xejn għalih. Wara rrealizza li dan kien il-laqam ta’ Bartolo, akkużat bil-qtil.

Fil-qorti llum xehed ukoll uffiċjal tal-pulizija li għamel rapport fuq il-kameras tas-sigurtà fiż-żona. Kien identifika persuna liebsa ġakketta bil-barnuża. Semma wkoll żball f’ħin li niżżel fir-rapport, u qal li kien informa lill-Avukat Ġenerali dwaru. Id-Difiża kkummentat fuq kif dan l-iżball ma ssemmiex qabel beda l-ġuri. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħa responsabbiltà għal dan l-iżball. Il-Qorti ordnat li l-iżball jitranġa. Ix-xhieda ta’ dan l-uffiċjal ġiet sospiża.

L-eks uffiċjal tal-pulizija li kienet toqgħod qrib fejn seħħ id-delitt xehdet ukoll. Irrakkuntat li semgħet u rat, kif kienet qalet lill-uffiċjal, raġel iżomm żaqqu u jgħajjat “Gejtu! Gejtu!” Spjegat kif rat karozza wieqfa f’nofs ta’ triq bil-bieba miftuħa ftit ‘il fuq li bdiet tagħmel ħoss stramb, li mbagħad irrealizzat li kien il-ħoss tal-wipers, għalkemm ma kinitx nieżla x-xita.

Ir-raġel kien jidher muġugħ, skont ix-xhud. Imbagħad dar il-kantuniera għal ġo triq oħra u beda jgħajjat għall-għajnuna ġo blokka appartamenti. Stqarret li ma ratux imma rrealizzat mill-eku li kien qiegħed hemm. Hija mbagħad ċemplet lill-pulizija biex tirrapporta l-każ.

Kompliet tgħid li xi ħin wara, ratu ħiereġ u riedet tgħinu imma kienet ma tiflaħx. Rat, iżda, lil xi ħadd li kien għaddej li mar jgħinu. Il-vittma waqa’ mal-art. Karozza waqfet biex tgħin ukoll, u fil-pront waslu l-pulizija. Xi ħadd beda jgħajjat, “Roderick, Roderick.”

Xehdu uffiċjali tal-pulizija oħra li rrakkuntaw l-istess affarijiet. Xi ħadd minnhom qal li sema’ mowbajl idoqq fil-karozza.

Waranofsinhar, il-ġuri ttieħed fejn seħħ id-delitt. L-avukati tad-Difiża qed jissuġġerixxu li l-vittma kien involut f’self ta’ flus.

Ix-xhieda ta’ Gaetano Bonnici

Meta l-każ kompla fil-qorti waranofsinhar, xehed Gaetano Bonnici, raġel ta’ 62 sena minn Birkirkara, li qal li hu ma ra u sema’ xejn u nduna b’li ġara meta ħabbtulu l-pulizija fuq il-bieb.

Ix-xhud stqarr li kien jaf lill-vittma peress li kien ikun f’kafetteriji f’dik iż-żona f’Birkirkara u l-grawnd jilgħab il-futbol. Qal ukoll li hu pensjonant u jgħix bil-pensjoni. Semma li ta’ sikwit jibdel in-numru tal-mowbajl għax in-nies iċemplulu u jiffittawh.

Bonnici kien ġie akkużat bl-użura fil-passat. Mistoqsi mid-Difiża, ix-xhud insista li hu ma jislifx flus lin-nies u li hu pensjonant. Qal, iżda, li fil-passat ġieli sellef il-flus. Ġie mistoqsi jekk kienx sellef xi flus lil Roderick Grech, peress li f’temp ta’ erbat ijiem kien ċempillu ħames darbiet. Bonnici qal li ġieli kienu lagħbu l-karti għall-flus.

Ix-xhud tenna li hu ma kien sema’ xejn ħlief il-qanpiena tal-bieb meta waslu l-pulizija. Qal li qabel kien rieqed. Id-Difiża baqgħet tinsisti li Bonnici kien jaf lill-vittma aktar milli kien qed jinsinwa hu. Mistoqsi fuq in-numri fuq il-mowbajl tiegħu, hu qal li m’għandu l-ebda ismijiet ta’ kuntatti ssejvjati. Il-Qorti talbet li jippreżenta l-mowbajl tiegħu, u nstabu għadd ta’ kuntatti fuqu, iżda hu speċifika li dawk ma kinux ismijiet propja.

Ħareġ fil-qorti li Bonnici kien jiltaqa’ mal-vittma xi erba’ darbiet fil-ġimgħa. Id-Difiża staqsietu fuq x’kienu jiddiskutu bejniethom fit-telefonati, kollha inqas minn minuta twal. Ix-xhud qal li Grech kien jgħidlu jekk kienx hemm xi nies li jridu jkellmuh.

Bonnici stqarr li hu parzjalment trux.

L-avukat staqsa lix-xhud jekk kienx ċempel lil Roderick Grech biex jgħidlu fuq nies li riedu jissellfu l-flus. Fil-qorti qam għagħa sħiħ ma’ din il-mistoqsija, kemm mill-Prosekuzzjoni, kif ukoll mid-Difiża. L-Imħallef m’aċċettatx il-mistoqsija, u l-każ ġie aġġornat għal għada.

L-avukati Kevin Valletta u Maria Francesca Spiteri qed jidhru għall-Prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Id-Difiża hi magħmula mill-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru parte civile.