Qtil qattus: Jitolbu għal investigazzjoni

Filwaqt li kkundanna l-allegat qtil ta’ ferħ ta’ qattus f’Għajn Tuffieħa, il-Partit Nazzjonalista talab sabiex il-każ jiġi investigat f’kordinazzjoni mal-Pulizija.

Dan intqal fi stqarrija mibgħuta mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tal-Annimali, Mario Galea, li insista li l-aggressur għandu jitressaq quddiem il-Qorti.

Il-każ ħareġ fuq il-midja soċjali lbieraħ wara li tfajla rrakkuntant l-esperjenza xokkanti tagħha meta waqt li kienet qed tiekol f’restorant f’Għajn Tuffieħa rat raġel isawwat ferħ ta’ qattus sakemm qatlu fil-pubbliku. Magħha kien hemm bosta turisti li esperjenzaw din ix-xena xokkanti.

Galea sostna li l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin iħobbu l-annimali, filwaqt li l-għadd ta’ persuni li jrabbu l-annimali domestiċi dejjem qed jiżdied. Safrattant insista li hemm bżonn li jintbagħat messaġġ b’saħħtu lil dawk kollha li jwettqu atti ta’ moħqrija fuq l-annimali, primarjament li dan mhux aċċettabbli.

Il-Partit Nazzjonalista faħħar l-aġir tal-Pulizija fil-konfront tar-raġel akkużat bl-allegat qtil ta’ tliet ċikonji fil-ġranet li għaddew.