Qtil Marsa: Spettur jirrakkonta x’ra meta mar fuq il-post tad-delitt

Spettur tal-Pulizija qal li meta t-tabib dawwar lill-vittma, Sylvester Farrugia, wiċċu ’l isfel ra bħal toqba fi spaltu fuq in-naħa tax-xellug, li minnha beda ħiereġ id-demm.
Waqt li kien qed jinstema’ l-każ dwar il-qtil li seħħ fi Frar li għadda fil-Marsa, fil-konfront ta’ raġel ta’ 27 sena, l-Ispettur irrakkonta li meta mar fi Triq Simpson, ra raġel wiċċu ’l fuq b’żarbuna nieqsa.
Spjega li maġenb il-vittma kien hemm karozza bil-windscreen u l-ħġieġ ta’ wara mkisser. Żied jgħid li fl-investigazzjoni ħareġ li l-karozza kellha l-pjanċi misruqa.
L-Ispettur qal li ż-żarbuna nieqsa tar-raġel kienet wara s-seat tas-sewwieq.
Intant matul is-seduta ġew ippreżentati wkoll xi oġġetti fosthom biċċiet ta’ ħġieġ, żarbun, qalziet ta’ taħt iswed, u ċintorini li ntużaw biex jitwaħħlu l-pjanċi tal-karozza.