Qtil Marsa: Jixhdu l-pulizija dwar il-qtil ta’ Sylvester Farrugia

Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun qalet li l-akkużat bi qtil ta’ Sylvester Farrugia m’għandu l-ebda arma liċenzjata.
Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni, nstemgħet ix-xhieda ta’ Pulizija ieħor li xehed li meta mar fuq il-post tad-delitt ra l-vittma rasu ’l fuq fi Triq Simpson, il-Marsa.
Qal li l-vittma kellu d-demm ħiereġ minn ħalqu u dmija oħra fuq sidru.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, fil-preżenza tal-qraba tal-akkużat u l-vittma, il-Pulizija qal li l-investigaturi qagħdu attenti sabiex ma jċaqalqux il-katavru ta’ Farrugia.
Sa mill-bidu d-difiża għall-akkużat ċaħdet li l-klijent tagħha ried joqtol lil Farrugia u kienet saħqet li kien spara sabiex jiddefendi ruħu minħabba li l-vittma flimkien ma’ xi persuni oħra kienu marru quddiem il-bieb ta’ daru.